Il-bdiewa li jafu jaħdmu l-art igawdu sew; huma jittrattaw l-art tajjeb, u l-art tittrattahom tajjeb ukoll.
Ixtri l-qawqama u l-qawqam; billejl aħdem tiegħek, binhar aħdem tas-sultan.
Fart meżmieżi jew taqtgħu jew jaqtgħek.
Il-bhejjem tal-ifrat li ma jiklux ma jismnux, u ma ddaħħalx flus minnhom.
Iż-żrigħ u t-tilqim fil-qamar qadim.
Għandek tiżra' u tlaqqam meta jkun qamar qadim (jew xiħ), jiġifieri l-qamar ikun lejn l-aħħar tax-xahar tiegħu qabel jintilef.
Il-qiegħa għat-tidrija, bil-ħobż u ż-żir fejnek, biex kull fewġa tithennieha.
Dari d-dris kien xogħol sabiħ, li jagħtik pjaċir daqslikieku għaddiet żiffa riħ. Żir tfisser qolla, li hija ġarra tal-fuħħar.
Il-baqra tneħħi l-madmad minn għonqha għax ma tridx taħrat.
Ċerti nies ma tikkontrollahom b'xejn.
Il-ħrief imutu qabel in-nagħaġ.
Il-ħajja ġieli tkun kattiva, bħal meta t-tfal imutu qabel il-ġenituri.
Jekk jiġi ma jiġix u jekk ma jiġix jiġi.
Jekk jiġi l-għasfur jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ ma jiġix; jekk l-għasfur ma jiġix jeqridlek l-uċuħ tar-raba', il-bejgħ jiġi.
Iz-zalza ogħla mill-ħut.
Dak li qed tipprova tagħmel fih wisq spejjeż u ma jaqbillekx tagħmlu.
Fenek fil-platt, mhux Għid għal nhar il-Ħadd.
Jekk għandek tagħmel xi ħaġa, agħmilha issa mhux wara. Dari l-fenek kienu jistennew biex isajruh fl-Għid u fil-festi biss.
Aktar ma jkun ikkultivat, aktar ikun abbandunat.
Bl-istess mod li d-dielja tikber aħjar fuq il-blat milli fir-raba' saqwi, aktar ma tagħti kas ta' persuna aktar dik il-persuna ma tagħtix kasek.
Ir-raba’ rqiq jixba’ mill-ilma u jinxef fid-dawl tal-qamar.
Jeħtieġ li l-ħamrija jkollha fond biex iżżomm l-ilma li tagħtiha.
Il-qamar, il-kewkba u n-newba, fuq ir-raba’ ma fihomx ħlief sewba.
Dari kienu jemmnu li l-qamar u l-kwiekeb għandhom effett tajjeb ir-raba'. Sewba tfisser ħsad tajjeb u n-newba tirreferi għan-newba tal-għelejjel (crop rotation).
Ja għasfur tbaħbaħ u nfela; waslet għalik ir-rebbiegħa, ladarba fl-art ix-xgħir mela.
Meta tasal ir-rebbiegħa, l-għasafar ikollhom fejn jinnamraw u jagħmlu l-bejta tagħhom.
Il-kampanja għall-ħdura u x-xatt għall-matmura.
Nippreferu l-prodott Malti u fejn ma nsibux, nirrikorru għall-prodotti impurtati. Matmura tfisser proviżjonijiet.
Fenka mgħammra tagħtik għal fuq il-ġamra.
Il-fniek ikollhom boton żrameġ kbir u għalhekk ikollok x'tiekol.
Mergħa daqs difrejhom u raba’ kemm jaraw b’għajnejhom.
L-annimali għandhom bżonn spazji kbar fejn jirgħaw.
Ġnien taż-żahar aħjar minn mifwaħ tal-ward.
Il-fjuri sbieħ, iżda s-siġar taċ-ċitru huma iżjed importanti. Mifwaħ huwa ġnien b'riħa tfuħ.
Ħut ta’ bla rjus fis-suq iġib il-flus.
Fl-istaġun tal-lampuki (jiġifieri f'Settembru u Ottubru) il-ħut iż-żgħir ikun imfittex u jġib il-flus.
Min ikollu għalqa mal-baħar irid oħra r-raħal.
Dari l-bidwi kien isibha iktar bi tqila jasal sal-għalqa li tkun fejn il-baħar, u allura kien ikollu oħra aktar viċin ta' daru biex jgħajjex il-familja biha.
B’li fiha u b’li timla jinbiegħ bil-bixkilla.
Il-patata dari kienu jixtruha bil-ħamrija u l-bixkilla b'kollox.
It-trill / il-majjal ixtrih fix-xhur tal-erre.
It-trill/il-majjal ikun tajjeb biss fix-xhur li m'għandhomx l-ittra "r" fihom (= Mejju, Ġunju, Lulju u Awwissu).