Min jagħmel il-ħażin lill-ħaddieħor, Alla ma jtihx it-tajjeb.
L-għarbiel ta’ Alla rqiq.
Alla biss jaf il-bniedem xi jkollu f’qalbu.
Il-bnedmin jistgħu jaħbu minn xulxin, iżda mhux minn Alla.
Aħfer biex Alla l-imbierek jaħfirlek.
L-ewwel aħfer lil għajrek biex Alla jaħfirlek.
Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija.
Meta xi ħaġa tmur ħażin, Alla jibgħat ħafna oħrajn tajbin.
Alla fuq kollox u fuq kulħadd; xemx u xita jibgħat lil kulħadd.
Alla jittratta lil kulħadd l-istess, għax huwa ġust.
Alla ta u Alla ħa; niżżu ħajr ’l Alla.
F'idejn Alla dak li jogħġbu jagħtina jew joħdilna.
Alla b’waħda jagħtina u bl-oħra jżiegħel bina.
Alla jikkastigana daqs kemm iħenn għalina.
Ir-reliġjon tqawwi r-ruħ kontra kull dwejjaq.
Ir-reliġjon tagħti t-tama lill-bniedem.
B’Alla u ż-żaqq ma jidħaq ħadd.
Il-bniedem għandu bżonn lil Alla f'ħajtu, bħalma żaqqu għandha bżonn l-ikel biex jgħix.
Alla jibgħatha tajba għax ħażina ilha.
Meta jkunu ilhom sejrin ħażin l-affarijiet, wieħed jitlob lil Alla biex imorru għall-aħjar.
Alla b’waħda jagħtina u bl-oħra jżiegħel bina.
Alla jikkastigana daqs kemm iħenn għalina.
Alla fi lsienu u x-xitan f’qalbu.
In-nies wiċċ b’ieħor isemmu lil Alla, imma f’qalbhom ikun hemm il-ħażen.
Alla meta ħalaq il-flus qal: “Se noħloq ħaġa egħżeż minni!”
In-nies jagħmew bil-flus u jinsew lil Alla.
Min jisma’ mill-mara wiċċ Alla qatt ma jara.
L-ewwel għandu jiġi Alla, imbagħad martek jew żewġek.
Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi.
Il-bniedem jippjana iżda Alla jiddeċiedi dak li jseħħ.
Alla b’ħabel tat-tajjar isawwat.
Alla ma jagħtix kastigi ħorox, jaf iqis.
Alla tani l-għama u l-għadu ħbieli l-ixkora.
Aktar ma tkun magħkus, aktar jgħakksuk.
B’Alla u ż-żaqq ma jidħaq ħadd.
Il-bniedem għandu bżonn lil Alla f'ħajtu, bħalma żaqqu għandha bżonn l-ikel biex jgħix.
Alla fejn iridek isibek.
Tagħmel x’tagħmel, il-mewt ma taħrabhiex.
Li ġej Alla biss jafu.
Alla biss jaf x'hemm fil-ġejjieni.
Min hu sewwa m’Alla ma jonqsu xejn.
Min ikollu lil Alla f'qalbu jilħaq il-milja ta' ħajtu.